By Désirée Attard, published on August 1, 2025
Fit-28 ta’ Lulju 2025, ġew pubblikati Regolamenti1 ġodda dwar il-ħarsien u l-użu tal-art agrikola li jidher li ser ikollhom impatt sinifikanti fuq l-art u l-użu tagħha. F’dan l-artiklu nagħtu ħarsa lejn il-punti saljenti ta’ din il-liġi, u l-obbligi l-ġodda tas-sidien u bdiewa ta’ din it-tip t’art.
X’inhi art agrikola?
Il-liġi tfisser art agrikola bħala kull art li tinsab f’ODZ (barra miż-żona tal-iżvilupp) u li tista’ ssostni attività agrikola, bħal ma hu t-tkabbir ta’ għelejjel (crops) u t-twaqqif ta’ serer, fost oħrajn.
X’inhu l-obbligu ta’ reġistrazzjoni?
Skont din il-liġi, bdiewa jew sidien ta’ art agrikola għandhom jirreġistraw l-art mad-Direttur responsabbli għall-agrikoltura. Jekk diġà għaddejja attività agrikola, ir-reġistrazzjoni trid issir fi żmien 6 xhur minn meta tidħol fis-seħħ din il-liġi, u allura sat-28 ta’ Marzu 2026.
Mar-reġistrazzjoni, is-sid jew bidwi għandu wkoll jippreżenta pjan tal-għelejjel (crop plan) għas-sena li ġejja.
X’jiġri jekk l-art agrikola ma tiġix reġistrata?
Id-Direttur ikollu d-dritt li jwaħħal avviż fl-art u ieħor fil-gazzetta tal-Gvern li bih jordna li kull persuna li għandha interess f’dik l-art (bħal per eżempju sidha/kerrej) jiddikjara dak l-interess fi żmien 3 xhur.
Jekk dan ma jsirx, id-Direttur jirreġistra l-art f’isem l-aġenzija Riżorsi Agrikoli Malta, u din l-aġenzija jkollha l-pussess fuq din l-art, u tkun tista’ tallokaha għal attività agrikola. Jekk wara 3 xhur is-sid jew persuna interessata jixtieq jikkontesta dan il-pussess, hemm mekkaniżmu apposta għal dan l-għan.
X’obbligi oħra għandu sid jew bidwi t’art agrikola?
Bħala minimu, qed jiġi mitlub li jkun hemm livell minimu t’attività agrikola fuq kull art ta’ dan it-tip. Dan il-livell minimu jitkejjel skont il-Politika Agrikola Komuni tal-Unjoni Ewropea, u għandu dejjem jinkludi li l-art tinżamm fi stat tajjeb biżżejjed għall-kultivazzjoni, u li talanqas tinħarat darba fis-sena.
Xtrajt art agrikola biex fiha nistrieħ u ngawdi ftit kwiet. Din il-liġi taffettwani?
L-użu t’art agrikola għal skopijiet oħra, per eżempju dawk rikreazzjonali, jibqa’ permess, imma dawn l-attivitajiet ma jistgħux itellfu mill-attività agrikola, jew iwasslu għal degradazzjoni ambjentali. Għalhekk dik l-art xorta trid tiġi reġistrata u użata, imqar fil-minimu, għal attività agrikola, u ċioe’ li tinżamm fi stat tajjeb biżżejjed għall-kultivazzjoni, u li talanqas tinħarat darba fis-sena.
Jien sid t’art agrikola u nixtieq inbigħha. Nista’?
Il-bejgħ t’art dejjem hu permess, pero’ fil-każ t’art agrikola, il-bejgħ ma jistax jiġi riklamat bħala art li tista’ tintuża għal skop mhux agrikolu.
Dawn ir-Regolamenti diġà daħlu fis-seħħ?
Għalkemm huma diġà pubblikati, dawn ir-regoli għandhom jidħlu fis-seħħ fi żmien xahrejn, ċioe’ fit-28 ta’ Settembru 2025. Regolament 9 li jitkellem dwar art li ma tiġix reġistrata jidħol fis-seħħ fi żmien sena, u allura fit-28 ta’ Lulju 2026.
—
Dan l-artiklu ma jikkostitwixxi bl-ebda mod parir legali. Filwaqt li kemm jista’ jkun, nippruvaw nassiguraw li l-informazzjoni fuq dan is-sit tkun aġġornata, jista’ jkun hemm informazzjoni, materjal, jew kontenut li ma jkunx l-iktar riċenti. Inħeġġuk tikkuntattjana għal parir legali personalizzat.
- Avviż Legali 150 tal-2025. ↩︎