By Bryony Balzia Bartolo, published on May 25, 2021

X’inhu Ċens Perpetwu?

Ċens, fil-liġi magħruf bħala enfitewsi, huwa kuntratt li permezz tiegħu waħda mill-partijiet (il-padrun dirett) qed tagħti lill-parti l-oħra fond bi ħlas ta kull sena skont dak mifthiem. Fil-każ ta’ ċens perpetwu il-fond jingħata għal dejjem. B’kuntrast, ċens temporanju jingħata għall-perjodu ta’ żmien.

Għaliex għandi nifdi ċ-ċens perpetwu?

Meta wieħed jifdi ċ-ċens, l-obbligu għall-ħlas fis-sena jispiċċa u għalhekk il-fond jiġi liberu u frank. 

Kif isir il-fidi?

Il-fidi ta’ enfitewsi perpetwa ġeneralment jista’ jsir bil-ħlas ta’ somma li tkun tirrapreżenta l-ħlas taċ-ċens kapitalizzat bir-rata ta’ 5%. Dan jista’ jsir jew bi qbil bejn min iħallas iċ-ċens u l-padrun dirett, permezz ta’ kuntratt quddiem Nutar, jew inkella permezz ta’ ċedola fil-Qorti. 

F’każ li l-kuntratt jipprovdi li ċ-ċens jista’ jiġi rivedut, il-fidi jista’ jsir fiż-żmien l-ewwel sena mid-data tar-reviżjoni.

X’jiġri jekk ma nafx lil min irid jitħallas iċ-ċens perpetwu? Jista’ jsir xorta waħda il-fidi?

Jekk ma tafx min hu l-padrun dirett  jew min huma l-eredi tiegħu, f’każ li dan ġie nieqes. Iċ-ċens xorta waħda jista’ jinfeda b’ċedola preżentata fil-Qorti. F’każ illi ilu ma jitħallas iċ-ċens, ikun hemm bżonn li jitħallsu l-arretrati tal-aħħar ħames snin.

Jekk tixtieq tifdi ċ-ċens perpetwu jew għal aktar informazzjoni dwar iċ-ċnus, l-Avukati tagħna jistgħu jassistuk bil-proċess tal-fidi taċ-ċens. 

Back