By Désirée Attard, published on March 14, 2021

Id-divorzju huwa proċess li ħafna drabi jkun iebes fuq il-familja li tkun għaddejja minnu. F’dan iż-żmien, ikun irid jintlaħaq qbil fuq diversi kwistjonijiet sensittivi. L-avukati tagħna qegħdin hemm biex jassistuk f’kull stadju ta’ dan il-proċess, sabiex kemm jista’ jkun niffaċilitawh. 

F’dan l-artiklu, issib spjega qasira ta’ dan il-proċess legali.

X’inhi d-differenza bejn separazzjoni u divorzju?

Meta koppja tissepara, l-Istat ikun irrikonoxxa li l-partijiet ma jkunux għadhom jgħixu flimkien. Madanakollu, jibqgħu marbutin bħala konjuġi, u allura, ma jistgħux jerġgħu jiżżewġu. 

Bid-divorzju, ż-żwieġ ikun intemm b’mod assolut, u, minbarra obbligi ta’ manteniment (skont il-każ), il-partijiet jitqiesu bħala individwi separati, mingħajr l-ebda rabta lejn xulxin.

X’għandi bżonn biex nitlob divorzju? 

Fil-preżent, id-divorzju jingħata jekk:

  • fejn il-partijiet jitolbu d-divorzju flimkien, ikunu ilhom talanqas sitt xhur ma jgħixux flimkien; jew
  • fejn parti waħda titlob id-divorzju kontra l-parti l-oħra, ikunu ilhom talanqas sena ma jgħixu flimkien; jew
  • il-koppja tkun diġà separata legalment; u
  • il-kunsiderazzjonijiet ta’ manteniment ikunu ġew indirizzati; u
  • ma hemm l-ebda tama ta’ rikonċiljazzjoni. 

Jekk dawn il-kundizzjonijiet jiġu sodisfatti, l-Qorti tista’ tikkunsidra l-għotja tad-divorzju. 

Nista’ nibda proċeduri ta’ divorzju jekk diġà bdejt is-separazzjoni legali?

Iva. Li jiġri f’dan il-każ huwa li l-proċeduri ta’ separazzjoni jiġu mibdula f’dawk li jwasslu għad-divorzju, permezz ta’ talba lill-Qorti.

Għandi bżonn nagħti raġunijiet lill-Qorti għala rrid id-divorzju?

Le. F’Malta, id-divorzju huwa dak li nsejħulu ‘bla ħtija’ (no-fault), u għalhekk, il-Qorti ma titlob l-ebda raġuni sabiex tagħti d-divorzju. 

X’inhu l-proċess tad-divorzju?

Id-divorzju jista’ jintalab mill-koppja flimkien, jew minn parti waħda kontra l-oħra. F’kull każ, fejn m’hemmx diġà kuntratt jew digriet ta’ separazzjoni, l-ewwel pass huwa li ż-żewġ partijiet jersqu għall-medjazzjoni. Fil-medjazzjoni, nippruvaw nilħqu qbil dwar:

  • id-diviżjoni tal-beni;
  • id-dar matrimonjali;
  • il-manteniment tal-ulied, u l-kura u kustodja tagħhom;
  • il-manteniment bejn iż-żewġ partijiet.

Jekk jintlaħaq qbil, isir il-kuntratt tad-divorzju, u jintbgħat għall-approvazzjoni tal-Qorti. Jekk ma jintlaħaqx qbil, il-proċedura timxi quddiem il-Qorti, fejn ikun l-Imħallef li jagħti d-deċiżjoni tiegħu dwar dawn il-kwistjonijiet. 

Kif jintemmu dawn il-proċeduri, is-sentenza jew digriet ta’ divorzju tiġi reġistrata fir-Reġistru Pubbliku, u d-divorzju jkun finalizzat. 

X’inhuma l-ispejjeż relatati mad-divorzju?

Għalkemm l-ispejjeż ivarjaw skont kull każ, għandek iżżomm f’moħħok: 

  • l-ispejjeż tal-Qorti, inkluż notifiki, u prokuratur legali;
  • l-ispejjeż tal-medjazzjoni;
  • l-ispejjeż tal-avukat tiegħek.

L-avukati tagħna jagħmlu l-almu tagħhom sabiex jagħtuk stima taċ-ċifra aħħarija qabel ma jinbdew il-proċeduri, għas-serħan il-moħħ tiegħek u tal-familja tiegħek. Ikkuntattjana għal iktar dettalji

Dan l-artiklu ma jikkostitwixxi bl-ebda mod parir legali. Filwaqt li kemm jista’ jkun, nippruvaw nassiguraw li l-informazzjoni fuq dan is-sit tkun aġġornata, jista’ jkun hemm informazzjoni, materjal, jew kontenut li ma jkunx l-iktar riċenti. Inħeġġuk tikkuntattjana għal parir legali personalizzat.

Back